Dikjarazzjonijiet tal-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, David Agius, taw sinjali ċari tal-iskumdità li teżisti fil-Partit Nazzjonalista dwar ir-riforma fil-liġijiet li jirregolaw l-użu tal-kannabis.
David Agius kien qed jitkellem fuq l-istazzjon Smash.
Fl-istess ħin deputati oħra tal-Partit Nazzjonalista sa issa ddikjaraw b’mod ċar li l-partit għad m’għandux pożizzjoni, snin wara li bdiet id-diskussjoni u xhur wara li kienet ippubblikata white paper.
Dwar il-White Paper li semmiet it-Tabiba Deguara, il-Partit Nazzjonalista ma daħħal ebda reazzjoni uffiċjali.
Saħansitra l-Kap tal-Partit, Bernard Grech, qal li qatt m’eżitit.
Biex issa, il-Viċi Kap David Agius għadu jitkellem fuq White Paper meta din il-white paper saret abbozz ta’ liġi.
L-għan tar-riforma fil-liġi tal-kannabis huwa li dan l-abbozz jirregola l-użu responsabbli u ma jkollniex liġijiet li jistmaw ta’ kriminali lill-persuni li kriminali mhumiex.
Prinċipju ieħor huwa li terġa’ tingħata opportunità mill-ġdid lil dawk li għandhom fedina penali mtappna minħabba l-użu tal-kannabis u li bħalissa ma jistgħux javvanzaw f’ħajjithom.
David Agius, li meta pajjiżna kien qed jiddiskuti d-drittijiet għall-persuni LBTIQ qal li mhix se tibqa’ tiġi ċċelebrata, jum l-omm, nissel biża’ għall-proposti li ressaq il-Gvern fil-Parlament.
U bil-Viċi-Kap jitkellem b’dan il-mod, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jikkopja lill-Partit Nazzjonalista.
Dan meta l-Gvern kellu kuraġġ iressaq riforma li qed tiġi kritikata mill-ogħla esponenti tal-oppożizzjoni.
Xi ħaġa li waslet li issa Bernard Grech jgħid li għad irid jieħu pożizzjoni.
Din il-ġimgħa Claudette Buttigieg ma ħaditx sehem fil-programm XTRA dwar is-suġġett bl-iskuża ta’ xogħol parlamentari.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino bagħtilna risposta u qalilna li kienet tieħu sehem kieku kien possibbli jinbidel il-ħin tal-programm.
Iżda, min jaf l-affarijiet sew, jaf li s-soltu l-partiti jibagħtu kelliem ieħor. Xi ħaġa li Piccinino m’għamilx.
Il-parir intern li qed jingħata Grech hu li jsikket il-grupp parlamentari u f’deċiżjoni ta’ konvenjenza iktar milli konvinzjoni, jivvota favur ir-riformi mressqa mill-Gvern mingħajr daqq ta’ trombi.
Dan wara li falla l-attentat li ma jitkellmux għax kienu kkonvinċew lilhom infushom li ġejja elezzjoni ġenerali u għalhekk ma kienx se jsir dibattitu parlamentari.