L-investiment kapitali fil-Korpi Dixxiplinati huwa sitt darbiet aktar minn dak ta’ għaxar snin ilu.
Dan intqal mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri waqt l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li jmexxi, għall-Budget għas-sena li ġejja.
Il-Ministru Camilleri aċċenna kif se jibqgħu jsiru l-investimenti neċessarji kollha fil-korpi ddixxiplinati ta’ pajjiżna sabiex ikomplu jżidu r-riżorsi umani u t-tagħmir li bih jagħti servizz lill-poplu.
Il-Ministru spejga ukoll li matul is-sena li ġejja, il-proġett tal-Pulizija fil-Komunità, li kien t’ għajnuna kbira għall-komunitajiet u kompla jsaħħaħ il-fiduċja tan-nies fil-Korp, se jiġi estiż fi tlettax-il lokalità oħra.
Tul id-diskors tiegħu, il-Ministru tenna ukoll il-politika u l-ħidma ta’ dan il-Gvern fil-qasam tal-immigrazzjoni. Huwa spjega li tnaqqis drastiku fin-numru ta’ wasliet ta’ immigranti fl-aħħar xhur, huwa riżultat tad-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern b’mod speċjali l-ħidma li segwiet wara li ġie ffirmat ftehim mal-awtoritajiet Libjani.
Qal, “Ir-realtà turi li wasliet naqsu ħafna. Meta ngħid li naqsu s’issa, meta wieħed jikkumpara mal-2019 tara li naqsu b’81%, li huwa kbir ħafna. Meta mqabbel mas-sena l-oħra 2020, jara li naqsu b’73%.”
Huwa spjega li tul dan is-sena kien hemm rekord ta’ immigranti li ġew irritornati hekk kif instab li ma kellhom l-ebda dritt għall-ażil , u spjega li riżultat ta’ hekk iċ-ċentru miftuħ tal-immigranti ġewwa l-Marsa se ikun qed jingħalaq kompletament, biex b’hekk din iż-żona tingħata lura lill-Marsin f’qagħda rijabilitata.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat spjega li fil-Budget ġie mħabbar li se tkun varata l-iskema tal-Istart-Up Residence Permit, li hija inizjattiva li se tkun qed tagħti permess ta’ residenza lil kull min irid jiġi Malta biex jinvesti u jiżviluppa prodott jew servizz ġdid.
Is-Segretarju Parlamentari faħħar ukoll il-ħidma tal-Aġenzija ta’ Residenza Malta, li tul il-ħames snin li ilha taħdem kisbet dħul ta’ aktar minn sittin miljun ewro.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li permezz tal-Fond għall-Iżvilupp Soċjali, se ikomplu jitwettqu miżuri u proġetti ta’ fejda għall-poplu Malti u Għawdxi, fosthom it-trakka tal-karozzi ġewwa Ħal Far.
Qal, “Ħloqna dan il-karus nazzjonali li fih warrabna ħafna ġid matul is-snin, li ifisser kemm kien importanti kemm l-għaqal ekonomiku u l-foresight li kellna. Ħa nsemmi uħud mill-inzjattivi li qed nagħmlu minn fond tal-NDSF. Insemmi żewġ proġetti partikolari, iċ-ċentru nazzjonali tal-motorsport li ħabbarna ftit tal-ġimgħat ilu, investiment ta’ mhux inqas minn għoxrin miljun ewro”.