L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ħarġet avviżi pubbliċi li bihom identifikat u għarrfet lill-pubbliku li ċertu negozjanti u kumpaniji ma onorawx id-deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.
Fosthom Jason Galea ta’ Sails and Canvas Ltd li tħallas €2000 mill-konsumatur sabiex jikkonsenjalu tinda fiż-żmien miftiehem, iżda minkejja li ġie kkuntattjat kemm-il darba mill-konsumatur, naqas milli jonora dan l-impenn. Minbarra dan, il-kummerċjant naqas milli jattendi s-seduti tat-Tribunal u lanqas issottometta risposta għat-talba tal-konsumatur. It-Tribunal ordna lil Galea biex iħallas lill-konsumatur €2000 kif ukoll l-ispejjeż tat-Tribunal.
L-Awtorità semmiet ukoll lil Mark Anthony Barbara, bejjiegħ li installa żewġ air-conditioning units, li wieħed minnhom ma ġiex installat tajjeb u dan wassal biex l-air conditioner ma bediex jaħdem tajjeb. Il-konsumatur ġabar stima tal-ispejjeż biex jissewwa l-air conditioner u dan ammonta għal €630. Barbara naqas milli jissottometti risposta għat-talbiet tal-konsumatur u anke naqas milli jattendi s-seduti tat-Tribunal. Hu ġie ordnat iħallas lill-konsumatur l-imsemmi €630 u l-ispejjeż tat-Tribunal.
Evelina V. Batey tar-Russian-Maltese Cultural Association issemmiet ukoll. L-ilment kien dwar xiri ta’ tliet biljetti ta’ show bl-isem ta’ Cinderella Ballet Performance li ġie riklamat li ser ikun imtella’ mir-Royal Moscow Ballet. Il-konsumatur ilmentat dwar il-fatt li waqt ix-show kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ skejjel ta’ żfin lokali li ma kinux imsemmija fir-riklamar. Il-konsumatur sostniet li kieku kienet infurmata li fix-show ma kinetx biss ser tara żeffiena mir-Royal Moscow Ballet ma kinetx tixtri l-biljetti tax-show. Il-konsumatur qalet ukoll li fir-riklamar tax-show issemmew 35 żeffiena professjonali u fil-verità kien hemm biss 16-il żeffien professjonali.
Il-kummerċjant naqset milli tattendi għas-seduta tat-Tribunal u anke naqset milli tissottometti risposta għat-talbiet tal-konsumatur. It-Tribunal ordna lill-bejjiegħ tirrifondi l-prezz tat-tliet biljetti li ammontaw għal €165. It-Tribunal ordna wkoll lil Batey tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri tat-Tribunal.
Dwar il-kumpanija JD Lifts and Supplies Limited, l-awtorità stqarret li l-kumpanija naqset milli tindirizza problemi b’rabta mal-lift fil-blokk tagħha minkejja li kienet ħallset għall-maintenance agreement. Il-kumpanija naqset milli tattendi għas-seduti u ġiet ordnata mit-Tribunal tħallas is-somma ta’ €460 kif ukoll l-ispejjeż tal-proċeduri tat-Tribunal.