Pulizija minn madwar id-dinja arrestaw 150 suspettati, fosthom anke nies magħrufa mal-Pulizija, li huma involuti fix-xiri u l-bejgħ illegali ta’ affarijiet onlajn f’wieħed mill-akbar każijiet li jinvolvi d-dark web. Ħabbret dan il-Europol.
L-operazzjoni msejħa Dark HunTOR saħansitra wasslet għas-sejba ta’ miljuni ta’ ewro kemm fi flus kontanti kif ukoll fi flus diġitali, bitcoin, kif ukoll fi droga u armi tan-nar.
Is-sejba waslet wara operazzjoni mmexxija mill-Pulizija Ġermaniżi aktar kmieni din is-sena fejn waqqfu l-akbar suq fid-darknet.
Il-Euorpol spjegat kif l-operazzjoni kienet tinvolvi operazzjonijiet separati iżda bl-istess miri , fosthom fl-Awstralja, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, l-Iżvizzera, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.
Intqal kif fl-Istati Uniti biss, 65 persuna ġew arrestati filwaqt li 47 persuna baqgħu miżmuma fil-Ġermanja, 24 persuna fir-Renju Unit u erba’ persuni fl-Italja u l-Iżvizzera fost oħrajn.