Fiż-żmien li ġej, il-Gvern se jkun qed jagħmel ċentru għall-artisti u l-kultura, li fih se jinkludi wkoll il-villaġġ tal-Karnival.
Dan intqal mill-Ministru għall-Kultura u l-Gvern Lokali, José Herrera waqt l-estimi tal-Ministeru tal-Kultura għas-sena d-dieħla: “Għalhekk issa qed jiġi pjanat illi dan il-proġett jieħu l-forma ta’ proġett ta’ Culture and the Arts’ Community Complex. Kumpless kbir, belezza ta’ proġett. Allura l-Gvern qed jalloka din is-sena, €1.3 miljun sabiex jiġi żviluppat pjan u proposta li flimkien ma’ interventi neċċessarji se jwassal għal implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.”
Il-Ministru Herrera qal kif il-proġett għal dan il-kumpless se jkun qed jirriġenera ż-żona fil-Marsa.
Dan il-proġett se jinkludi l-imħażen u mużew interattiv tal-Karnival, flimkien ma’ studios għall-mużiċisti, għaż-żfin u postijiet biex isiru laqgħat u korsijiet għall-artisti.
Il-Ministru Herrera semma kif fil-Budget għas-sena d-dieħla se jkun hemm tnaqqis fit-taxxa ta’ dħul għall-artisti.
Intant, il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield semma kif fil-Budget għas-sena d-dieħla, l-akbar allokazzjoni għar-restawr se tmur fuq ir-restawr tas-swar bejn Bormla u l-Fgura u l-Kottonera u Ħaż-Żabbar.
Huwa qal, “Għaldaqstant minbarra li għandna ngħożżu dak li sawwarna u anke fuq kollox nieħdu ħsiebu, għandna nkomplu ninċentivaw dawn l-artisti ġodda illi b’ħidmithom u għemilhom qegħdin joħolqu l-pajjiż illi ninsabu fih illum.”
Fil-Parlament tkellem ukoll il-Ministru Anton Refalo, li saħaq kif minkejja l-isfida tal-pandemija, Heritage Malta bdiet tiġġedded: “Għaddejjin minn proċess ta’ tiġdid, mhux biex jirbħu huma Mr Chairman, imma biex tirbaħ Malta u biex tirbaħ Għawdex.”