Malta għandha pjan u strateġija ċara biex tilħaq il-miri ambjentali tagħha.
Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt konferenza nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, it-Tlieta filgħodu.
Fil-fatt, il-Professur Simone Borg, l-Ambaxxatriċi Maltija dwar it-tibdil fil-klima tenniet l-importanza li l-isfida tal-fenomenu tat-tibdil fil-klima tittieħed b’serjetà kbira.
Fir-rigward ta’ Malta, il-Professur Borg tenniet li Malta għandha 34 sena ta’ esperjenza madankollu għandu jkompli l-impenn sabiex Malta tilħaq il-miri ambjentali tagħha.
Dan partikolarment ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mat-trattat ta’ Pariġi u l-Fit for 55 package, liġi li tipproponi reviżjoni fil-miri ambjentali Ewropej għall-2030.
L-Ambaxxatriċi għat-Tibdil fil-Klima, Prof. Simone Borg stqarret: “Jekk iċ-ċirkostanzi jitjiebu ovvjament wieħed għandu ċans jirrivedi dawn il-miri kif għamlet fil-fatt l-Unjoni Ewropea li kienu bi tnaqqis ta’ 40% imma żidiethom għal tnaqqis ta’ 55%. Jiġifieri l-proċess huwa wieħed li jista’ jerġa’ jiġi rivedut dejjem jekk hemm il-possibilità”.
Intant tul din il-konferenza intervjena wkoll il-Ministru għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Aaron Farrugia.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Farrugia rrimarka kif id-diskussjoni trid tkun waħda li tmur lil hinn minn elementi partiġġjani.
Spjega li issa b’differenza għal snin passati, Malta għandha pjan b’saħħtu u effettiv fil-qasam, fosthom l-istrateġija għat-tnaqqis tal-emmissjonijiet.
Dawn il-miri jinkludu dik li Malta tkun carbon neutral sal-2050 b’miri intermedjarji ta’ dikarbonizzazzjoni.
Il-Ministru Farrugia tenna wkoll kif il-Budget għall-2022 juri verament l-impenn tal-Gvern f’dan il-qasam fosthom b’żieda fl-għotjiet għal xiri ta’ karozzi li jniġġsu inqas u l-miżura ta’ trasport pubbliku b’xejn.
Quddiem is-summit tal-COP26 li se jkun qed issir fi Glasgow fi ftit jiem, il-Ministru Farrugia qal hekk: “Allura rridu nkunu assertivi biex dawk il-pajjiżi li qegħdin jgħidu li mhux se jattendu l-COP26 ġewwa Glasgow jew jiġu reluctantly jew adirittura jgħidu li l-miri se jilħquhom 10 snin wara aħna nemmnu li dan l-aġir għandu jimxi lejn id-direzzjoni li l-Unjoni Ewropea qed tagħti. Jiġifieri rridu nkunu leaders hemmhekk u anke bħala Malta ħa nkunu leaders ukoll ma’ small islands states għaliex Malta tista’ verament taqsam ma’ dawn il-pajjiżi best practices u l-expertise tagħna.”
Ritratt ta’ barra: NASA Climate Change