Il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qablu li dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni, l-enfasi kienet dwar il-protezzjoni tal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament fi stqarrija Ministerjali.
Dr Abela qal kif il-mexxejja Ewropej qablu dwar iżjed koperazzjoni mal-pajjiżi minn fejn jiġu l-immigranti u dawk tat-tranżitu, bħal-Libja.
Hawnhekk il-Prim Ministru qal kif fil-Kunsill Ewropew, pajjiżna saħaq fuq ir-relazzjoni tajba li għandu mal-Libja: “Tennejt Sur President li kieku ma għamilniex hekk kien ser ikollna żieda fl-influss ta’ immigranti. Barra minn hekk, hawn stajt nispjega l-importanza tar-relazzjonijiet b’saħħithom tagħna u l-koperazzjoni mal-Awtoritajiet Libiċi. Nemmen li din hi storja ta’ suċċess u li l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka inqas fuq dikjarazzjonijiet u aktar fuq azzjonijiet konkreti li jsaħħu l-koperazzjoni biex niġġieldu t-traffikanti tal-bnedmin u nassiguraw li inqas nies jitilfu ħajjithom fi traġitti perikolużi.”
Il-Prim Ministru qal kif pajjiżna qed jagħmel il-parti tiegħu, minkejja li qed isib ftit solidarjetà mill-Unjoni Ewropea u l-Gvern se jikkontesta bil-qawwa kwalunkwe suġġeriment li pajjiżna jiġi żvantaġġjat minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu.
Dr Abela qal ukoll kif il-mexxejja Ewropej tkellmu wkoll dwar il-pandemija, fejn pajjiżna saħaq sabiex ikun hemm programm ta’ vaċċinazzjoni b’saħħtu.
Qal li l-Ewropa ma tistax terġa’ tgħaddi minn lockdowns: “Li jkollok madwar il-mejda tal-Kunsill Ewropew, kulħadd jitkellem b’mod pożittiv dwar is-suċċess ta’ Malta fil-pjan ta’ vaċċinazzjoni, il-fatt li għandna 93% tal-poplu tagħna li huwa vvaċċinat, ma jemmnukx pajjiżi oħrajn. Ma jemmnukx f’sens pożittiv. Jgħidulek kif aħna lanqas nistgħu naqbżu l-50%, kif aħna weħilna fl-40% u intom irnexxielkom taslu għal 93% tal-popolazzjoni tagħkom li hija mlaqqma.”
Fl-Istqarrija Ministerjali, Dr Abela qal kif f’dan is-Summit tal-Kunsill Ewropew tkellem ukoll dwar il-qalba diġitali u s-saltna tad-dritt, speċjalment is-sitwazzjoni fil-Polonja: “Sodisfatt li fuq it-tema tas-saltna tad-dritt, Malta llum hija meqjusa bħala eżempju pożittiv.”