Mill-bidu tas-sena sal-lum, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA ħarġet sitt mija, disgħa u tmenin multa amministrattiva li jammontaw għal ftit iktar minn kwart ta’ miljun ewro.
Dan wara li f’dan il-perjodu twettqu tlett elef, seba’ mija u erbgħa u għoxrin spezzjoni li fihom l-Awtorità waqqfet ix-xogħol f’erba’ mija, tmienja u sebgħin post tax-xogħol.
Dan minħabba li hawnhekk instabu nuqqasijiet serji ta’ ħarsien ta’ saħħa u s-sigurtà f’oqsma differenti ta’ xogħol li setgħu wasslu għal danni fiżiċi, korriment jew mewt fuq il-post tax-xogħol.
Il-maġġoranza tal-każijiet kienu dwar nuqqasijiet f’siti ta’ kostruzzjoni iżda kien hemm ukoll nuqqasijiet f’postijiet oħra fosthom f’fabbriki u stamperiji.
Fost il-każijiet kien hemm wieħed li jinvolvi lift għat-trasport tal-merkanzija u li xi ħadd naqas li jqabbad persuna kompetenti teżaminah kull sitt xhur.