Il-budget għall-Ministeru għas-Saħħa għas-sena d-dieħla, huwa wieħed rekord ta’ disa’ mija u tnejn u sebgħin miljun ewro; kważi biljun ewro.
Fl-estimi finanzjarji tal-Budget għall-Ministeru tas-Saħħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne qal li dak li jibdel ħajjet in-nies huma r-riżultati, li jiġu b’xogħol iebes, deċiżjonijiet f’waqthom u billi jiġu segwiti l-fatti.
Il-Ministru għas-Saħħa semma l-ħidma li qed issir fil-kura primarja, fejn fix-xhur li ġejjin se jkomplu jinfetħu aktar bereġ u ċentri tas-saħħa, fosthom dak fir-Rabat Għawdex f’Marzu li ġej.
Chris Fearne elenka lista ta’ mediċini li se jiżdiedu fuq il-formuljaru tal-Gvern u qal kif sa tmiem is-sena d-dieħla se jirdoppja l-ispazju fid-Dipartiment tal-Emerġenza: “Aħna, snin ilu, kont tmur l-Emerġenza, tidħol illum u jarawk l-għada. Din niżżilniha l-waiting time għal kwistjoni ta’ ftit sigħat u rridu nżommuha li l-waiting time fl-Emerġenza jkun mhux iżjed minn sagħtejn u allura iva qed isir ix-xogħol biex l-Emerġenza, sa tmiem is-sena li ġejja, prattikament tkun irdoppjat in-numru ta’ cubicles li nistgħu nagħtu servizz minnhom.”
Id-Deputat Laburista, Anthony Agius Decelis iddeskriva l-budget għas-sena d-dieħla bħala manifest ta’ xogħol u ħidma kontinwa. Huwa qal, “Iħares lejn is-saħħa tal-poplu tagħna b’mod ħolistiku sabiex is-saħħa, permezz ta’ investiment kbir li se jsir, permezz ta’ teknoloġija ġdida, noffru l-aqwa kura possibbli lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Id-Deputat Laburista Silvio Grixti semma numru ta’ miżuri u servizzi ġodda li se jiġu implimentati matul is-sena d-dieħla, li se jiżdiedu mas-servizz diġà eċċellenti mogħti mill-professjonisti tas-saħħa Maltin u Għawdxin: “Dan huwa investiment fil-poplu tagħna. Aħna tassew nemmnu fil-poplu u nemmnu f’kull wieħed u waħda minna. Gvern Laburista wera bil-provi li inti tiswa, li saħħtek tgħodd għalih.”