Raġel ta’ wieħed u tletin sena minn Ħaż-Żabbar ma nstabx ħati li kien se jmur għal missieru b’arma tan-nar.
Huwa kien akkużat ukoll li kellu arma tan-nar mingħajr liċenzja.
Fil-Qorti ntqal li dan kollu beda meta omm l-akkużat ċemplet lill-Pulizija għax kienu qed jargumentaw żewġha u binha.
Skont l-istess mara, żewġha ħareġ mid-dar filwaqt li binha tela’ fuq, u dan tal-aħħar niżel lura b’arma tan-nar jistaqsi għal missieru.
Sostniet ukoll li hi stess baqgħet quddiem il-bieb ta’ barra biex ma tħallix lil binha joħroġ mid-dar.
Hekk kif waslu l-Pulizija, arrestaw lill-iben, u sabulu pistola bi ħmistax-il balla.
Il-ġenituri tar-raġel għażlu li ma jixhdux, iżda meta xehdet oħtu, din qalet li ommha qatt ma semmiet ġlieda b’arma.
Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat ma kellux arma f’idejh, iżda l-arma li nstabet kienet f’safe fil-gwardarobba tiegħu, u din l-arma ma kinitx qed tinżamm bi ksur tal-liġi.