Ser tkun qed tirritorna il-Fun Run tal-President b’risq il-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund.
Wara li s-sena l-oħra ma saritx minħabba l-pandemija, din is-sena t-tnax-il edizzjoni tal-Fun Run ser tkun qed issir b’mod differenti.
Dan hekk kif ser tieħu l-forma ta’ 68 mixja differenti madwar pajjiżna f’kull lokalità.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar spjega kif din is-sena kull Kunsill Lokali ser ikun qed jorganizza mixja differenti fil-21 ta’ Novembru.
Dan sabiex fl-ebda ħin ma jinġabrux folol ta’ nies flimkien.
Kull parteċipant irid juri wkoll iċ-ċertifikat tal-vaċċin biex jitħalla jieħu sehem fil-mixja.
Qal, “Fl-eventwalità li jkun hemm iktar minn mitt ruħ allura anke l-gruppi ser jitqassmu mill-Kunsill Lokali f’ħinijiet differenti sabiex il-mixja tkun tibqa’ għaddejja minn ħin għall-ieħor pero qatt ma jinġabru n-nies.”
Il-President ta’ Malta George Vella ħabbar din it-tnax-il edizzjoni f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, li għaliha kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Clyde Puli u s-Sindki mil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Huwa stqarr kif jinsab fiduċjuż li għal darba oħra il-Malta Community Chest Fund ser terġa’ ssib l-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdxi.
Qal, “Jiena m’għandix dubju li wara li qegħdin invaraw din l-attività żgur li ħa jkun hemm parteċipazzjoni mill-pubbliku għaliex il-pubbliku qatt ma warrab minn quddiem għajnejh l-importanza tal-Community Chest Fund u kull okkażjoni li kien hemm li jkun parteċipi u jikkontribwixxi sibnieh dejjem qiegħed hemmhekk.”