Fil-Kolombja jinqabad l-aktar traffikant tad-droga mfittex u li anke jmexxi l-akbar grupp kriminali fil-pajjiż.
Dairo Antonio Úsuga, magħruf bħala Otoniel, inqabad waqt operazzjoni konġunta bejn il-forzi artmati u l-pulizija Kolombjana.
Il-gvern kien offra premju ta’ 800,000 dollaru Amerikan għal informazzjoni dwar fejn kien jinsab, filwaqt li l-Amerika offriet ħames miljun dollaru għalih.
F’messaġġ li xxandar fuq it-televiżjoni, l-President Kolombjan Ivan Duque faħħar il-qbid tat-traffikant u qal li din se tkun l-akbar daqqa ta’ ħarta għat-traffikar tad-droga fil-pajjiż. Huwa qabbel dan il-qbid ma’ dak li kien ġara lura fid-disgħinijiet, meta nqatel Pablo Escobar wara aktar minn sena li kien imfittex.