Francesco Farrugia ta’ dsatax-il sena mill-Qrendi, ingħata l-ħelsien mill-arrest, wara li wieġeb mhux ħati talli nhar il-Ġimgħa, saq b’mod perikoluż, tant li seta’ jweġġa lil Pulizija b’mod serjuu talli meta ġie ordnat li jieqaf, baqa’ għaddej.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Ġimgħa għall-ħabta tal-ħamsa u għoxrin ta’ waranofsinhar, Pulizija stazzjonat viċin tal-ambaxxata Russa sema’ żewġ karozzi jinstaqu b’veloċità qawwija.
Għalhekk il-Pulizija ħareġ fit-triq biex iwaqqaf iż-żewġ karozzi, iżda l-ewwel karozza, li allegatament kienet qed tinstaq mill-akkużat, baqgħet sejra, tant li l-Pulizija kellu jersaq fil-ġenb biex ma jittajjarx.
Hawn l-imputat allegatament waqaf għal ħin qasir, iżda meta l-Pulizija kien se jħabbatlu mat-tieqa, dan reġa’ saq, dar il-blokka u reġa’ ġie fejn lil-Pulizija, iżda xorta waħda saq ‘l hemm.
Id-difiża spjegat li Farrugia kien xufier ta’ taxi, u meta kien qiegħed isuq, dar fuq triq mingħajr ma indika, u x-xufier ta’ warajh beda jgħajjat miegħu u jsuq warajh.
Id-difiża sostniet li Farrugia kien imbeżża’ mix-xufier ta’ warajh, u kien proprju għalhekk li dan ma waqafx.
L-imputat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma javviċinax il-Pulizija li qallu biex jieqaf, kif ukoll iħallas depożitu ta’ elfejn ewro, u garanzija personali ta’ ħamest elef ewro.
Għall-imputat deher l-Avukat Arthur Azzopardi.