L-Aġenzija Sedqa se tipprovdi aktar servizzi għat-tisħiħ tal-prevenzjoni u l-kura kontra l-abbuż mill-vizzji.
Dan permezz ta’ ftehim bejn il-Ministeru għall-Ugwaljanza u l-Fondazzjoni responsabbli mis-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali.
Dan il-ftehim qed isir b’investiment ta’ miljun ewro u se ssir ħidma fuq erba’ oqsma.
Dawn huma t-tisħiħ tal-programmi ta’ prevenzjoni li għaddejjin bħalissa, l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ġodda fi skejjel post-sekondarji, aktar għarfien dwar is-servizzi pprovduti minn din l-aġenzija u d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem biex taħdem ma’ nies b’diffikultajiet ta’ dipendenza.
Se jiżdiedu wkoll il-kampanji t’għarfien dwar id-droga permezz ta’ sit elettroniku u faċilità ta’ chat online.
Qal, “Biex aħna nkattru l-ħidma tagħna ta’ prevenzjoni fl-iskejjel u huwa konferma, jekk qatt kien hemm bżonnha li l-prevenzjoni taħdem, għax imbagħad kif naraw mir-rapport tal-ESPAD li jiġi ppubblikat kull erba’ snin, il-prevenzjoni qed taħdem tant illi meta jaslu sa sittax-il sena, l-aħħar sena tal-iskola obbligatorja qed naraw dejjem tnaqqis fl-abbużi kollha, kemm ta’ xorb u kemm ta’ sustanzi.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon qal kif dan il-programm se joħloq aktar għarfien minn livell primarju sa dak terzjarju.
Spjega, “Illum qed nagħlqu ftehim illi jkopri aktar minn miljun ewro, mifruxa fuq tliet snin fejn qegħdin naħdmu biex, mhux biss ngħinu, imma iktar minn kollox nipprevjenu din, illi sfortunatament jgħaddu t-triq tal-abbuż tas-sustanzi.”
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici spjega kif dan il-programm se jipprovdi taħriġ lill-ħaddiema fis-servizzi residenzjali biex ikunu mħejjija aħjar biex jgħinu lil nies fil-vizzju b’dinjità.
Qal, “Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim ta’ tliet snin bejn il-Ministeru tagħna u s-Sedqa qegħdin jirduppjaw l-investiment illi jsir fil-prevenzjoni u kura mill-abbuż tal-vizzji.”