Is-sena d-dieħla, l-Gvern hu stmat li se jonfoq mal-biljun u tmien mitt miljun ewro f’benefiċċji soċjali, fosthom taħt miżuri ġodda tal-Budget.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal Uliedna’, il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon ta’ spjegazzjoni tal-miżuri li se jiġu implimentati minn dan il-Ministeru fosthom it-twessigħ fl-inwork benefit u l-għajnuna supplimentari.
Il-Ministru qal li biż-żieda fl-għajnuna supplimentari għal dawk l-aktar vulnerabbli, disgħa u għoxrin elf persuna se jgawdu minn dawn il-miżuri li huma mistennija jlaħħqu l-ħamsa punt sitt miljun ewro fis-sena.
Semma wkoll kif bil-Budget qed tkompli tiġi premjata bżulija permezz ta’ taxxa ta’ 15% fuq l-ewwel għaxart elef ewro fi dħul minn over-time.
Il-Ministru Falzon qal li dan il-Gvern ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura, u xhieda ta’ dan hija l-miżura li tagħti għaxart elef ewro fis-sena lil kull kap ta’ skola, sabiex tfal neqsin minn affarjiet bażiċi jingħataw dak li għandhom bżonn.
Issemma kif permess ta’ ftehim mal-FSWS, persuni mingħajr saqaf fuq rashom jingħataw indirizz temporanju, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jgawdu minn assistenza soċjali, liema miżura se tidħol fis-seħħ minn nhar it-Tnejn li ġej.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Dan huwa verament li jagħmel is-sinsla tal-pajjiż. Jekk f’pajjiż, jista’ jkollok ħafna aspetti materjali imma m’għandekx fibra soċjali, jew ġustizzja soċjali, inkunu morna għal-liġi tal-ġungla. Għax jien b’saħħti ngħaddi minn fuqek, u għax int dgħajjef ngħaddi minn fuqek ukoll. Dik m’għandhiex tkun.”