Waqt l-estimi finanzjarji għall-Ministeru għall-Infrastruttura, it-Trasport u l-Proġetti Kapitali, il-Ministru Ian Borg qal li t-trasport pubbliku b’xejn u ż-żieda fl-għotja għal dawk li jinvestu f’vetturi li jniġġsu inqas huma miżuri ambjentali iżda anki intiżi biex iħallu iżjed flus fil-bwiet tan-nies.
Fil-Parlament, il-Ministru Borg fakkar li l-miżura tal-Budget ta’ trasport pubbliku b’xejn tagħmel lil Malta t-tieni pajjiż fl-Ewropa li se japplika din il-miżura.
Dr Borg fakkar li l-Oppożizzjoni li llum tikkritika l-Gvern fuq il-Budget, kienet ħalliet diżastru fit-trasport pubbliku.
Qal, “Daħku lill-Ewropa, bis-Sindku ta’ Londra, illum Prim Ministu jiddieħaq bina li bagħtilna l-bendy busses jeħlu ġo ta’ Sliema u Birkirkara u ikaxkru kull koxxa li kien hawn fil-pajjiż”.
Waqt l-estimi tal-Budget marbuta ma’ dan il-Ministeru tkellem ukoll il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield, li spjega li b’kollox f’dan il-Budget sar investiment ta’ ħamsa u għoxrin miljun ewro fil-Kottonera f’għadd ta’ proġetti Kapitali.
Fost l-oħrajn semma r-restawr fuq il-bastjun u l-Bieb ta’ San Ġwann li jifforma parti mil-Linji tal-Kottonera f’Bormla.
Spjega, “Qed ikompli jiżdied l-investiment kapitali fil-Kottonera, f’għadd ta’ proġetti illi se ikunu qed isiru li bdew fis-sena li għaddiet u qed ikomplu matul din is-sena”
Fid-diskussjoni tkellmu wkoll id-Deputati Laburisti Silvio Parnis u Anthony Agius Decelis, b’tal-ewwel ifaħħar uħud mill-akbar proġetti li qatt saru f’pajjiżna, primarjament il-Junction tal-Marsa u l-mini ta’ Santa Luċija filwaqt li Agius Decelis qal li dan il-Budget jaħseb ukoll biex ikompli isir restawr u riġenerazzjoni ta’ assi kulturali u nazzjonali, b’mod partikolari fl-inħawi tal-Port il-Kbir.
Qal, “Mis-sena elfejn u dsatax saru madwar seba’ mija u disa’ toroq, bdilna wiċċ pajjiżna, u ħafna minnhom saru b’fondi tal-Gvern.”
Agius Decelis qal, “Se ikun hemm diversi proġetti oħrajn, biex aktar żoni pubbliċi jingħataw face lift, riġenerazzjoni u jerġgħu jingħataw lil poplu Malti aħjar milli sibnihom.”