Il-Qorti ordnat li Carmel Galea, raġel ta’ 60 sena minn Kerċem, jintbagħat sitt xhur priġunerija u multa ta’ €2,000 wara li ntqal li lura f’Lulju ta’ din is-sena, l-imputat hedded lill-Kummissarju tal-Ġustizzja.
Dan tal-aħħar iddeċieda li Galea kien ħati ta’ diversi akkużi waqt seduta tat-Tribunal t’ Għawdex, deċiżjoni li ma niżlet xejn tajjeb ma’ Galea, li beda jgħajjat ”din mhux se tispiċċa hawn, tiegħek għadha ġejja” filwaqt li żammewh il-Pulizija.
Carmel Galea qal ukoll li talab lill-Ministru Owen Bonnici biex ineħħi lil Mario Scerri minn Kummissarju tal-Ġustizzja, iżda sa issa l-Ministru Bonnici ma laqax it-talba tiegħu. Il- Qorti qalet li jekk dak li qal l-imputat huwa minnu, il-Ministru kellu raġun ma jċedix għall-pressjoni li kien qed jagħmillu Galea.
Kien innutat ukoll li f’seduta separata l-avukat difensur ta’ Carmel Galea rrinunzja wara li nstemgħet ix-xhieda kollha minħabba l-komportament tal-imputat fl-awla u d-diffikultà li kien qed isib biex jikkomunika miegħu.
Għaldaqstant il-Qorti qalet li f’postijiet ta’ tribunal jew fil-qrati stess m’għandux ikun hemm min jeżerċita d-dritt tiegħu bl-għajjat u għalhekk Galea kien ikkundannat sitt xhur ħabs u multa ta’ €2,000.