“Gvern li fehem lill-artisti u li investa bis-sħiħ fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna.”
Hekk iddikjara l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal Uliedna’, fejn hawnhekk semma ħemel ta’ miżuri fil-Budget għas-sena d-dieħla li se jkomplu jsaħħu dan is-settur f’pajjiżna.
Fil-Valletta Design Cluster, il-Ministru Herrera qal kif din is-sena ġew ivvutati disa’ miljun ewro aktar mill-Budget tas-sena l-oħra f’dawn l-oqsma, investiment li jikkuntrasta bil-kbir ma’ dawk li kienu jiġu Investiti qabel l-elfejn u tlettax.
Il-Ministru qal li dan il-Gvern ma waqfx jgħin.
Qal, “Gvern li sehma, fehem u ddeċieda favur l-artisti u l-kreattivi. Budget Budget li wera fiduċa fis-settur artistiku u kreattiv. Mhux biss, iżda wera illi f’dan il-perjodu ta’ rkupru mill-pandemija, l-Gvern xorta sab il-fondi neċċesarji sabiex ikompli jistimula u fl-istess waqt jipproteggi s-settur kulturali.”
Quddiem diversi rappreżentanti mill-qasam kulturali, il-Ministru Herrera semma wkoll il-bosta għajnuniet li dan il-Gvern ta lil dawk li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum mis-settur artistiku, fosthom il-Covid Wage Supplement.
Iżda din l-għajnuna ma waqfitx hawn, hekk kif il-Budget 2022 ukoll jaħseb f’dawn l-artisti Maltin u Għawdxin. Fost dawn hemm miljun ewro għal skema ta’ garanzija għall-attivitajiet artistiċi indipendenti sabiex jiġu rkuprati spejjeż minħabba r-restrizzjonijiet mhux mistennija.
Iżda wieħed ma jistax jinsa wkoll it-twettiq ta’ wegħda elettorali oħra fejn ir-rata ta’ taxxa tad-dħul għall-artisti ser tkun mnaqqsa għal seba punt ħamsa fil-mija.
Kif imħabbar fil-Budget għas-sena d-dieħla, fil-ġimgħat li ġejjin se tinħareġ sejħa sabiex il-makkinarju li jintuża għall-karrijiet tal-Karnival ikunu ħbieb tal-ambjent billi jintużaw vetturi li jniġġsu anqas.
Ma naqasx li fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru José Herrera jsemmi l-investiment biex jittellgħu attivitajiet, fosthom dawk tal-Milied mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u anke festival mużikali kbar bħal Mużika Mużika.
Il-Gvern se jarw wkoll li jindokra dak li jagħmilna Maltin, fosthom il-Festa Maltija, l-ilsien Malti u l-Arkivji Nazzjonali. Kien hawn li l-Ministru Herrera qal li matul din is-sena sar xogħol sabiex il-Festa Maltija tiġi rikonoxxuta mill-UNESCO bħala wirt dinji.
Fix-xhur li ġejjin se jsir ukoll xogħol ta’ restawr fuq bosta siti storiċi f’pajjiżna.
Hawnhekk Heritage Malta ngħatat tliet miljun u seba’ mitt elf ewro għal dawn il-proġetti.
Dwar il-Kunsilli Lokali, il-Ministru reponsabbli minn dan, qal kif il-Gvern qed ikun ta’ spalla wkoll għall-Kunsilli Lokali f’Malta u f’Għawdex, fejn ta’ sikwit joħroġ skemi differenti biex inkomplu nsebbħu u ntejbu t-tmexxija tal-lokalitajiet tagħna.