L-irkupru turistiku jfisser ukoll irkupru għall-pajjiż kollu, u minħabba li kien fost l-agħar setturi milquta fil-pandemija l-Gvern assigura skemi u għajnuniet kostanti lil negozji fil-qasam.
B’dan is-sentiment il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ta elenku tad-diversi miżuri mħabbra fil-budget għas-sena d-dieħla marbuta mat-turiżmu u l-protezzjoni tal-konsumatur.
L-iskemi tal-Gvern biex jagħtu wens lil kull min jaħdem fis-settur issa qed jirriflettu fl-ammont ta’ turisti li reġgħu bdew jagħżlu l-Gżejjer Maltin għall-btala tagħhom. Fil-fatt, il-Ministru Bartolo spjega wkoll li għall-ewwel darba mill-1999, din is-sena Settembru kien aħjar minn Awwissu fejn jidħlu wasliet tat-turisti f’Malta.
Semma wkoll avvenimenti li saru fl-aħħar ġimgħat li taw togħma tan-normalità li tant ilna ma nesperjenza, bħall-kunċert ta’ Malta Rocks u anke r-ritorn tal-Air Show Malti.
Hawn il-Ministru qal ukoll li dan il-Budget se jara wkoll xogħol infrastrutturali li jibni fuq it-tnax-il miljun ewro investiment li diġà sar minn dan l-aspett: “Hekk kif fil-jien li ġejjin se jibda x-xogħol fiż-żona Ta’ Liesse fil-Belt b’investiment ta’ mija u ħamsin elf ewro. Dan ifisser li ż-żona se terġa’ mill-ġdid tingħata nifs, id-dehra u l-importanza li ħaqqha. Din kapaċi tkun mutur ekonomiku ieħor għall-Belt Valletta.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista qal li dan il-Budget se jara proċess ta’ mmodernizzar ta’ standard nazzjonali dwar tiswijiet ta’ vetturi.
Semma wkoll proġetti kruċjali li se jitmexxew mill-Awtorità dwar il-Mediċini: “Proġetti ta’ fattiblità biex jitwaqqaf laboratorju nazzjonali magħruf bħala l-OMCL. Dan jikkontrolla il-kwalità tal-mediċini tal-labortarju u se jkun uniku. Dan jista’ jiġi estiż biex jiddetermina l-pestiċidi fil-kannabis li tintuża għal skop mediku.”
Dwar l-indafa pubblika qal li din is-sena diġà saru sforzi biex il-pajjiż ikun aktar nadif fosthom b’kontenituri tal-iskart li jaħdmu bl-enerġija solari, u spjega kif tul is-sena d-dieħla hemm il-ħsieb li tiżdied l-frekwenza tal-ġbir tal-iskart f’aktar kunsilli lokali.
Ritratt ta’ barra: Tripadvisor