Sensiela ta’ trasferimenti bankarji ffirmati mill-mara tan-Nutar Ivan Barbara jipprovdu prova ċara ta’ miżappropjazzjoni u frodi fil-konfront ta’ eks klijienti tan-Nutar Barbara.
Dan kien iddikjarat mill-Avukat f’isem it-tliet klijenti li taw total ta’ €30,650 lil Barbara.
Fir-risposta tal-eks klijenti għar-rikors, issemma kif in-Nutar u martu, Rosanne Barbara Zarb kienu jaħdmu mill-istess blokka.
Barra minn hekk ġew preżentati tranżazzjonijiet bankarji deskritti bħala spejjeż li kienu jinkludu x-xogħol taż-żewġ persuni.
Issemma wkoll kif barra dawn l-ispejjeż, mart in-Nutar irċeviet fil-kont tagħha, pagamenti dovuti lil żewġha għal servizzi provduti mill-istess żewġha.
Hawnhekk intqal li dan kollu jġib fix-xejn dak li mart in-Nutar Barbara qalet, li hi qatt ma daħlet fix-xogħol ta’ żewġha, li miet bil-Covid-19 fl-Indja waqt li l-koppja marret biex taddotta.
Ġie spjegat ukoll li Rosanne Barbara Zarb, li qed tappella biex ma ssirx inkjesta fil-konfront tagħha, hija sid ta’ kumpanija flimkien ma’ żewġha bl-isem ta’ GBR Limited, fejn it-tnejn li huma mniżżla bħala diretturi u shareholders.