Il-Politika barranja ma tistax tkun tal-Gvern biss imma tal-pajjiż kollu. Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo fl-ewwel seduta parlamentari li ddiskutiet l-estimi tal-Budget għas-sena d-dieħla ta’ kull Ministeru.
Il-Ministru Bartolo semma l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li għażlu li jibnu ħajja ġdida lil hinn mill-gżejjer Maltin, u kemm dawn qed jagħmlu xogħol siewi għar-reputazzjoni tal-pajjiż.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin semma wkoll l-indiċi tal-Ġnus Magħquda li jistudja l-iżvilupp uman, u nnota kif minn aktar munn 180 stat, Malta tinsab fit-28 post.
Il-Ministru Evarist Bartolo tkellem anke dwar l-immigrazzjoni u kif minkejja d-daqs, Malta tat kenn u ażil lil bosta persuni. Hawn appella biex mill-Unjoni Ewropea jsir aktar xogħol biex il-kwistjoni tiġi indirizzata mis-sors.
B’sentiment li l-ebda pajjiż fid-dinja ma jista’ jgħid li hu perfett, il-Ministru Bartolo temm jappella biex dawk fit-tmun tal-pajjiżi u anke l-pajjiżi bejniethom, jaħfru u jsalvaw lil xulxin.
Il-Ministru Evarist Bartolo stqarr: “Jien ċert li kieku fis-sekli li għaddew ma kienx hawn nies fuq dawn il-blatiet li ħolmu li dawn il-blatiet għandhom poplu li jista’ jmexxi lilu nnifsu, kieku aħna ma wasalniex fejn wasalna llum. U jien dejjem inħobb ngħidha bħala ċajta imma ċajta serja. Ejja ma jiġrilniex li ta’ qabilna bnew bil-ġebel il-kbir biex sirna Nazzjon, issa aħna ejja ma nibnux bil-betta bilda. Jekk se nibnu biċ-ċokon, ċokon se jkollna, u l-agħar ċokon mhux dak ġeografiku imma l-agħar ċokon hija l-mentalità.”