Fil-Qasam tas-Saħħa Malta investiet erba’ darbiet aktar mill-medja Ewropea.
Dan sostnieh il-Prim Ministru Robert Abela fejn f’diskors fil-Parlament sostna li f’kull ġurnata ta’ Gvern Laburista kien hemm investiment fir-riżorsa umana fis-settur tas-saħħa.
Qal, “Konna l-aktar pajjiż li żied l-investiment fuq is-saħħa minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Investejna erba’ darbiet aktar mill-medja Ewropea. Kull jum taħt Gvern Laburista żdied ħaddiem mas-settur tas-saħħa pubblika. Imma l-Kap tal-Oppożizzjoni jsejjaħ dan kollu tberbiq ta’ flus. Ibeżża li pajjiżna mhux se jiflaħ għal dan il-piż.”
Il-Prim Ministru fakkar kif għal dan l-investiment kollu, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista sostniet li mhux sew li l-Gvern nefaq iżjed milli kien bassar f’dan is-settur tant importanti.
Spjega, “Kien jagħmel sens li fi kriżi globali pajjiżna jixxaħħaħ fin-nefqa fuq is-saħħa? Għax hekk issuġerixxa l-Kap tal-Oppożizzjoni. Għax hekk jagħmel hu jekk ikun Prim Ministru, jixxaħħaħ man-nies.”
Hawnhekk il-Prim Ministru fakkar kif fl-2009 id-dinja ukoll kienet esperjenzat pandemija, dik tal-Iswine Flu.
Dakinhar Gvern Nazzjonalista spiċċa jittallab lill-Gvern Olandiż għall-vaċċin għax il-kuntratt li kienu għamlu kien se jwassal biex nirċievu l-vaċċin sentejn tard.
Dr Abela fakkar kif fil-pandemija tal-Covid, pajjiżna mhux talli ma ttallabx iżda spiċċa jagħti l-vaċċin lill-pajjiżi li kienu fil-bżonn.
Il-Prim Ministru għamel ukoll referenza għall-attakk insensittiv li Bernard Grech għamel fil-konfront tad-Deputat Prim Ministru.
Qal, “Ħsibtu li se ddaħħku. Minflok għadek lanqas taf kemm weġġajtu nies. Għadek lanqas taf kemm kont insensittiv. Però ma ħadtiex bi kbira. L-arroganza u l-insulenza tagħkom issa drajnihom. In-nies tiġġudikak. Bħalma tiġġudika lid-Deputat Prim Ministru. Dak li int għidtlu impotenti, il-WHO tfaħħru u tiċċitah bħala eżempju.”
Lil hinn mill-insulti tal-Kap Nazzjonalista, Gvern Laburista baqa’ ffukat fuq dan is-settur tant importanti.
Dr Abela fakkar kif f’dan il-Budget se jibdew jitqassmu numru kbir ta’ mediċini ġodda b’xejn. Miżura li se tolqot aktar minn 60,000 persuna.
Sostna, “Smajna l-karba tal-Fibromajalġja. Żidna t-trattamenti ta’ mard rari, Se noffru mediċini bla ħlas għall-pazjenti tal-IVF, wara li konna aħna li tajna ħajja lil dan is-servizz f’pajjiżna.”