Il-Pulizija fl-Awstralja qalet li hemm tħassib serju dwar il-każ ta’ tifla ta’ erba’ snin li sparixxiet minn żona kostali magħrufa għall-camping fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
Cleo Smith dehret l-aħħar kmieni s-Sibt filgħodu meta kienet rieqda fil-kamp tal-familja tagħha fiż-żona magħrufa bħala Quobba Blowholes fil-Punent tal-Awstralja.
Ommha qalet li kmieni l-għada filgħodu, it-tinda tal-kamp kienet miftuħa u t-tifla ma kinitx hemm. Lanqas l-isleeping bag li kienet rieqda ġo fih ma kien fil-kamp.
Bħalissa għaddejja operazzjoni intensiva ta’ tfittxija kemm mill-ajru u anki fil-baħar.
L-awtoritajiet ma taw l-ebda informazzjoni dwar x’jista’ jkun li ġara lit-tifla imma qalu li se jagħmlu dak kollu possibbli biex jiskopru x’ġara.
Spettur fir-reġjun qal li l-investigaturi mhux jeskludu l-possibilità li t-tifla nħatfet u ttieħdet ’il barra miż-żona fejn kienet.