Sa mill-inawgurazzjoni tas-servizz tal-Fast Ferry f’Ġunju li għadda aktar minn mitejn u tlett elef persuna għamlu użu mis-servizz bejn iż-żewġ gżejjer. Sa mill-bidu tas-servizz, bejn iż-żewġ operaturi, saru erbat elef u sitt vjaġġi.
Dan ħareġ minn rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn ġie spjegat wkoll li l-maġġoranza tal-vjaġġi, seħħew f’Settembru filwaqt li f’Awwissu il-vapuri ġarrew l-akbar ammont ta’ passiġġieri.
Il-vjaġġi bejn il-fliegu permezz tal-vaupri tal-Gozo Channel baqgħu l-aktar popolari fost il-poplu.
Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, b’kollox kien hemm aktar minn miljun u erba’ mitt elf passiġġier li vjaġġa fuq il-vapuri tal-kumpanija Gozo Channel.
Din iċ-ċifra rat żieda ta kważi 10% meta mqabbel ma l-istess perjodu s-sena l-oħra. Bħal ma ġara fl-ewwel żewġ kwarti tas-sena, l-aktar jiem li fihom vjaġġaw nies kienu il-Ġimgħa u s-Sibt miċ-Ċirkewwa u l-Ħadd u t-Tnejn mill-port tal-Imġarr.
Matul dan il-perjodu wkoll ġiet rreġistrata żieda fl-ammont ta’ vetturi li għamlu użu mis-servizz tal-vapur t’Għawdex.
Fl-istess waqt, il-vjaġġi bejn il-fliegu żdiedu bi 3% meta wieħed iqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.