“Budget li verament jaħseb f’kollox u f’kulħadd.”
Dan huwa s-sentiment komuni li nħass fost bosta esperti u persuni li ġejjin minn kull qasam tas-soċjetà, li tkellmu f’attività tal-Partit Laburista l-Ħadd filgħodu, fejn faħħru u laqgħu l-miżuri mħabbra fil-Budget għas-sena d-dieħla.
L-ambjentalist żagħżugħ, Jacob Callus tenna kif dan il-Budget huwa verament imżewwaq b’miżuri favur l-ambjent.
Qal, “F’dan il-Budget rajna l-ambjent jiġi ndirizzat minn żewġ faċċati tiegħu, kemm dik naturali kif ukoll dik urbana. U rajna wkoll tiġi ndirizzata l-isfida li għandna quddiemna għas-snin li ġejjin u għal-lum dik tat-tibdil fil-klima. Rajna li tiġi ndirizzata b’mod realistiku u mhux idealistiku.”
Fuq l-istess tema tkellem il-Perit Roderick Spiteri, li elenka numru ta’ miżuri b’rabta ma’ restawr ta’ djar antiki u li għandhom arkitettura unika.
L-Ispiżjara Dr Danica Agius Decelis tkellmet dwar il-qasam tas-saħħa f’pajjiżna, partikolarment iż-żieda ta’ mediċini b’xejn fuq il-formolarju tal-Gvern.
Hawnhekk hija qasmet esperjenza ta’ meta kienet għadha studenta u fakkret fis-sitwazzjoni ta’ mediċini out of stock taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.
Spjegat, “Ta’ kuljum, ta’ kull ġimgħa konna naraw pinnoli bażiċi bħall-Asperina u dik tal-Kollesteroll li kienu jkunu out of stock… Grazzi għall-ħidma ta’ dan il-Gvern b’investiment kbir fis-sistema tar-riżorsi umani s-sitwazzjoni nbidlet u mhux talli hekk talli aktar nies issa ser jibdew jibbenefikaw mill-mediċini b’xejn li qed joffru dan il-Gvern f’dan il-Budget.”
Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll John Agius, anzjan li semma kif dan huwa Budget soċjali li għal darb oħra ta żieda lill-pensjonanti.
JeanFred Agius, żagħżugħ b’diżabilità, laqa’ l-bosta miżuri li se jkomplu jagħtu l-indipendenza lil nies b’abbiltajiet differenti.
Qal, “Kuntent ħafna bit-traħħis fuq il-vetturi aċċessibli għall-persuni b’diżabilità, dan wara li jien stess qiegħed fil-proċess li nixtri vettura aċċessibbli u konxju ta’ kemm iqumu flus prodotti bħal dawn.”
Emma Brownrigg Fenech, studenta ta’ sittax-il sena laqgħet il-fatt li hi u studenti oħra se jibbenefikaw minn żieda fl-istipendji.
Fl-attività ssemma wkoll is-settur tal-isport, bil-President tal-Federazzjoni tal-Motorsport Duncan Micallef jerġa’ jtenni dwar l-importanza li pajjiżna issa se jkollu t-trakka tal-karozzi.
Il-President tal-Partit Laburista Dr Ramona Attard qalet kif dan huwa l-aktar Budget soċjalist li qatt kellna f’pajjiżna, b’viżjoni li nġeddu lil Malta flimkien.
Intant, għamlu intervent ukoll bosta Ministri u Deputati Laburisti, fosthom il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana li qal kif fil-jiem li ġejjin se jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali biex jintlaħaq ftehim biex min l-inqas li jiflaħ fis-soċjetà, ikun l-aktar li jiġi mwieżen.