Il-Partit Nazzjonalista għadu bla pożizzjoni dwar ir-riforma fil-liġi tal-kannabis.
Dan wara xhur li għalqet konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper li kien ressaq il-Gvern f’Marzu u li fiha l-partit ta’ Bernard Grech baqa’ qatt ma pparteċipa.
Issa l-Gvern ressaq abbozz ta’ liġi għal riforma fil-liġi tal-kannabis u meta kien mistoqsi jekk il-grupp parlamentari ddiskutiex l-abbozz ippreżentat fil-Parlament, Bernard Grech deher evidentement skomdu u li baqa’ m’għandux pożizzjoni.
Grech stqarr: “Aħna nibqgħu niddiskutu kull ma jkun hemm bżonn u nibqgħu noħorġu anke pożizzjonijiet, u anke kif nixtieq..”
Meta kien mistoqsi: “X’inhi l-pożizzjoni mela? X’inhi l-pożizzjoni?”
Bernard Grech qal, “Irridu li pajjiżna jimxi ‘l quddiem.”
Meta reġa’ kien mistoqsi: “X’inhi l-problema tgħidilna l-pożizzjoni x’inhi imma? Għaliex mhux tgħidilna l-pożizzjoni?”
Bernard Grech tenna: “Iktar tard tkunu tafu.”
Bernard Grech reġa’ kien mistoqsi: Għaliex iktar tard mhux illum?”
Kif il-Gvern ippreżenta fil-Parlament l-abbozz għal din ir-riforma fil-liġi tal-kannabis, Bernard Grech pront ħareġ jgħid li dan kien każ ieħor fejn l-Oppożizzjoni qed iġġib il-bidla.
Dan għalkemm il-Partit Nazzjonalista ma kienx ħa sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali dwar din ir-riforma.
Saħansitra meta kien mistoqsi dwar għaliex il-Partit Nazzjonalista kien assenti għal kollox mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, li fih fost l-oħrajn ħadu sehem l-OASI u l-Caritas, Bernard Grech spiċċa nkixef li lanqas kien jaf li l-Gvern ippreżenta White Paper dwar ir-riforma fil-liġi għall-kannabis.
Grech stqarr: “Mhux kif għamel dan il-Gvern rigward il-kannabis, lanqas White Paper ma ħareġ.”