Peter.
Il-kelb tad-dwana.
Il-kelb li għal diversi drabi rajnih fuq siti differenti tal-aħbarijiet.
Kien f’Novembru tal-elfejn u tmintax li b’mod uffiċjali, u wara ġimgħat ta’ taħriġ, il-kelb tar-razza Springer Spaniel ingħaqad mas-sezzjoni tal-klieb tad-Dwana Maltija.
F’inqas minn tliet snin ta’ servizz, Peter xamm u qabad erbgħa u tmenin illegalità.
Fost dawn hemm sebgħa u għoxrin każ relatat ma’ flus kontanti li b’kollox jammontaw għal aktar minn nofs miljun ewro ta’ flus mhux dikjarati.
Huwa xamm ukoll mija u ħamsin kilogramma ta’ tabakk illegali u anke qabad id-droga fosthom kokaina u kannabis.
Ftit tal-jiem ilu Peter ħa unur mistħoqq mill-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali, bħala l-aqwa kelb tas-servizz bl-uniformi.
Dan l-istazzjon żar il-Canine Unit tad-Dwana f’Ħal Far, fejn hemmhekk iltqajna mal-uffiċjal Saviour Balzan li spjega li dan l-unur ifisser li warajh hemm ukoll ħaddiem dedikati: “Il-fatt li Peter ġie nominat juri li bħala sezzjoni huwa l-flagbarrier tas-sezzjoni canine tad-Dwana għalina. Però mbagħad fl-istess ħin jirrifletti wkoll il-professjonalità tal-ħaddiema tagħna. Il-kelb ma jitgħallimx waħdu, il-kelb tgħallem għax għandna instructors tajbin u kienu kapaċi li l-kelb iwassluh biex tagħna r-riżultati li tagħna.”
Stajna naraw b’għajnejna x’taħriġ jingħataw it-tmint iklieb tad-Dwana, fosthom ix-xamm tal-flus u anke droga.
Rajna wkoll kif l-uffiċjali ta’ kuljum, flimkien mal-klieb, imorru f’postijiet differenti bħall-Ajruport Internazzjonali sabiex jaqbdu l-illegalitajiet minn fuq il-passiġġieri.
Mal-mument li l-kelb ixomm illegalità, dan ipoġġi bilqiegħda b’sinjal lill-uffiċjal li jkun sab xi ħaġa.
Balzan sostna: “Bħala taħriġ, il-klieb tagħna nittrenjawhom fuq flus, droga u tabakk. Dan huwa taħriġ li jsir kuljum… bħala postijiet huma dawk il-postijiet li nkunu tad-Dwana, fosthom l-Ajruport, ix-xatt, posta, courriers, kull fejn tidħol importazzjoni ta’ kontejners bħala klieb immorru u nagħmlu l-ispezzjonijiet aħna.”