Axel Vella ta’ ħamsa u għoxrin sena mill-Isla ġie kkundannat ħames snin ħabs, u ingħata multa ta’ sitt elef ewro, wara li ammetta li kien involut fi traffikar ta’ droga.
Huwa mifhum li Vella kellu konnessjonijiet ma’ Jordan Azzopardi, magħruf bħala l-‘El Chapo ta’ Malta’, u li qed jaffaċċja wkoll akkużi kriminali b’rabta ma’ droga.
Fil-Qorti ntqal li l-garaxx li kien juża l-imputat biex ibigħ id-droga kien qisu ħanut tal-merċa fejn in-nies setgħu jidħlu biex jixtru kull tip ta’ droga.
Vella kien arrestat tliet snin ilu waqt raid f’garaxx f’Birkirkara, wara ġimgħat ta’ sorveljanza, hekk kif l-istess maħżen kien maħsub li kien ċentru ta’ traffikar ta’ droga.