Clyde Farrugia ta’ erbgħa u għoxrin sena min-Naxxar ingħata sentenza ta’ tliet snin priġunerija u multa ta’ erbat elef ewro, wara li nstab ħati li s-sena l-oħra, attakka żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta wara li ingħata ċitazzjoni.
Fil-Qorti surġent fi ħdan il-Korp tal-Pulizija xehed li waqt li kien qed jagħmel xogħlu fil-karnival tan-Nadur, ġie infurmat bl-attakk.
Sostna li ż-żewġ uffiċjali marru fuq is-surġent u qalulu li Farrugia ġie jgħajjat f’wiċċhom hekk kif kien għadu kemm jingħata ċitazzjoni.
Intqal kif huwa daħħal iċ-ċitazzjoni f’ħalqu, beżaqha u mexa ‘l hemm, wara li kien diġà ġie minn warajhom u beda jagħtihom daqqiet ta’ ponn f’wiċċhom.
Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-aġir ta’ Farrugia kien inaċċettabbli wara li l-uffiċjali kienu qed qed jaqdu dmirhom.
Sostna li l-ordnijiet tagħhom kellhom jiġu mobdija u li l-imputat messu rrispettahom.
Il-Maġistrat żied jgħid li attakki fuq uffiċjali huma attakki fuq is-soċjetà kollha, u li mhux ġust li dawn jagħmlu xogħolhom bil-biża’.