15 ta’ Ottubru 1920.
Bħal-lum mija u sena ilu twaqqaf il-Partit Laburista, hekk kif 12-il raġel iltaqgħu f’ħanut fi Triq San Ġwann il-Belt Valletta.
Hawnhekk iddeċidew li joħorġu 25 lira kull wieħed u flimkien iffurmaw il-’Camera Del Lavoro’ jew kif kien magħruf mal-Maltin, il-Partit tal-Ħaddiema.
Dan kien żmien meta l-ħaddiema Maltin ma kinux għaddejjin minn żminijiet faċli wara l-Gwerra l-Kbira, hekk kif ħafna spiċċaw mingħajr xogħol.
Dan wassal biex il-Maltin irvellaw fl-irvellijiet tas-Sette Giugno, fis-7 ta’ Ġunju tal-1919.
B’erba’ Maltin tilfu ħajjithom u sentejn wara l-Maltin ingħataw is-self-government.
Kien f’Novembru ta’ mitt sena ilu, meta l-politiċi Maltin għall-ewwel darba kellhom Parlament sabiex jiddeċiedu fuq affarijiet lokali.
Il-fundaturi u l-attivisti tal-bidu, li l-maġġoranza tagħhom kienu ħaddiema t-tarzna ffurmaw il-Partit Laburista sabiex jgħin liż-żgħir u lil batut fis-soċjetà Maltija.