“Bil-fatti qed ngħidu li Għawdex huwa prijorità għal dan il-Gvern.”
Hekk stqarr il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’.
Il-Ministru Camilleri semma l-fatt li dan il-Budget ser ikompli jkabbar il-prosperità ta’ kull min jagħmel il-gżira Għawdxija d-dar tiegħu.
Hawn irrimarka li Għawdex ġie allokat 27 miljun ewro għal proġetti kapitali.
Dan ifisser żieda ta’ 5 miljun ewro fuq is-sena l-oħra.
Huwa stqarr: “Meta ngħidu li Għawdex huwa prijorità u fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ dan il-Gvern inkunu qegħdin ngħidu dan bil-fatti u għaliex verament nemmnu fih. Il-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex hija ċara li jkompli jkun mutur ta’ tkabbir tal-ġid nazzjonali u titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u r-residenti kollha hawnhekk ġewwa Għawdex.”
Il-Ministru Camilleri stqarr kif il-proġetti kapitali pjanati ser iwasslu sabiex Għawdex jirpilja iżjed malajr mill-pandemija.
Huwa stqarr kif issa hemm skemi sabiex għaqdiet mhux governattivi jimmodifikaw is-sede tagħhom biex dawn jilqgħu l-konferenzi.
Għal titjib tal-konnettività bejn il-gżejjer ser ikun qed isir xogħol fuq il-heliport filwaqt li ser isir investiment fil-konnettività bl-ajru.
Dan ser ifisser titjib fuq l-investiment qawwi li sar fil-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, kemm bil-baħar u anke dik diġitali.
Huwa nnota wkoll kif il-Budget tas-sena d-dieħla jinkludi fih proġetti ta’ riġenerazzjoni ta’ pjazez u bajjiet u iżjed investiment fl-infrastruttura.
Stqarr kif fi proġetti ta’ bini ta’ toroq din is-sena sa Settembru tlestew 43,000 metru kwadru ta’ toroq ġodda.
Dan filwaqt li għas-sena d-dieħla ġew allokati 11-il miljun ewro għall-kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq.
Is-sena d-dieħla ser jitkomplew ix-xogħlijiet fuq bosta toroq residenzjali u arterjali filwaqt li ser ikunu qed jiġu rrestawrati l-fdalijiet tal-akwadotti fir-Rabat Għawdex.
B’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali bdiet ir-riġenerazzjoni tal-pjazza tal-Munxar u ftit tal-ġimgħat oħra ser tibda dik tal-pjazza tas-Sannat.
Spjega wkoll kif minn hawn u ftit taż-żmien ieħor ser ikun qed jibda jaħdem ir-reverse osmosis f’Ħondoq li ser jipproduċi aktar ilma milli tikkonsma l-gżira u għalhekk ser tkun qed tinqata’ d-dipendenza li Għawdex għandha fuq Malta għall-ilma.
Spjega wkoll kif fil-qasam sportiv ser ikun qed jitkompla x-xogħol fiċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv fejn l-Għawdxin ser igawdu minn pixxina ta’ livell Olimpiku kif ukoll padiljun sportiv ġdid fil-qalba tar-Rabat, Għawdex.
Innota kif il-first time buyers li jixtru propjetà vakanti f’Għawdex ser jirċievu għotja doppja ta’ 30,000 ewro.
Miżura importanti li tħeġġeġ aktar żgħażagħ jibnu l-familji tagħhom ġewwa Għawdex.
Stqarr kif din il-lista ta’ miżuri fost l-oħrajn turi li dan il-Gvern għandu viżjoni għal prosperità ġdida għall-gżira Għawdxija.