Il-Partit Nazzjonalista qal li bil-ħames bozoz li kien ta fi żmien ir-riċessjoni li kien għaddej minnha pajjiżna taħt Gvern Nazzjonalista, ġew salvati l-industriji.
Waqt programm fuq in-NET, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana aċċenna għall-kritika negattiva tal-Partit Nazzjonalista għal dan il-Budget soċjali u ambjentali li jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak ta’ żmien Nazzjonalista.
Il-Ministru Clyde Caruana stqarr: “Mela dak iż-żmien ogħla l-prezz taż-żejt. Biex isoddulu ħalqu lill-poplu tawh ħames bozoz iktar.”
Mario de Marco qal, “Xejn minn dan, xejn minn dan. M’għandu x’jaqsam xejn.”
Affaċċjat b’din il-kritika de Marco mhux talli nnega dan, talli qal li l-bozoz salvaw l-industriji.
Il-Ministru Clyde Caruana sostna: “Biex isoddu ħalq in-nies tawhom ħames bozoz.
Mario de Marco tenna: “Xejn minn dan. Il-bozoz ngħidlek x’għamilna. Salvajna konnha l-industriji. Ejja x’kull waħda.
Fil-programm issemma t-trasport pubbliku.
Il-Ministru Caruana fakkar fid-diżastru tal-Arriva iżda dan ma daqqx għal widnejn Mario de Marco u l-Preżentatur: “Meta l-kollega tiegħu qal li żmien il-bużulloti spiċċa…”
Il-Preżentatur qal, “Il-Partit Nazzjonalista jekk għamel żbalji ħallas għalihom, ejja nħarsu ’l quddiem, ejja nħarsu ’l quddiem.
Mario de Marco tenna: “Ma jafux iħarsu ’l quddiem.”
Il-Ministru Clyde Caruana temm jispjega l-miżura ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd u r-raġuni għaliex din se tkun implimentata fi żmien sena: “Dakinhar kontu għidtu li se tirriformaw is-sistema ta’ Trasport Pubbliku. Żmien il-bużullotti spiċċaw, kontu għamiltu tant pompa. Meta ġie biex jibda tal-linja ma kinetx tiġi. Kellna nkunu aħna li nirranġaw is-sistema. Għalfejn iva l-ewwel ta’ Ottubru? Għax propju trid issir diskussjoni sħiħa ma’ min jimmaniġġja t-trasport sabiex l-iżbalji li b’tant pompożità ħaddieħor qal li ma jagħmilhomx, ma nagħmluhomx aħna.”