B’investiment ta’ mitt elf ewro, il-biċċerija għandha l-ewwel impjant f’Malta għat-trattament tal-prodotti sekondarji tal-annimali.
Sal-lum, il-parti l-kbira tal-prodotti sekondarji mill-majjal, iċ-ċanga, in-nagħaġ u l-mogħoż maqtula lokalment, jinħarqu fl-Impjant Termali għat-Trattament tal-Iskart li jinsab biswit il-biċċerija.
Is-sena li għaddiet, intremew mal-elf u seba’ mitt tunnellata ta’ materjal li parti kbira minnu tista’ tintuża għal skopijiet differenti.
Dan il-materjal jinkludi prodotti sekondarji li jistgħu jintużaw għall-konsum uman, bħall-kirxa u d-demm. Prodotti sekondarji oħra, bħall-qrun ta’ xi annimal, jista’ jintuża għal skopijiet dekorattivi jew fi snajja’ tradizzjonali.
Stefan Cachia, l-uffiċjal responsabbli mill-Biċċerija, spjega kif se jaħdem dan l-impjant: “Dawk li huma prodotti sekondarji tal-annimali, li huma madwar tmenin elf tunnellata, sal-lum sfortunatament qegħdin jintilfu u jintremew. Aħna ħa nkunu qegħdin ninvestu sabiex nagħtuhom valur waqt li niffrankaw il-flus u ngħinu lill-ambjent, fl-istess ħin inkunu qegħdin inniedu mill-ġdid lura fis-suq lokali, prodotti tradizzjonali fosthom il-kirxa li sal-lum intilfu għal raġuni jew oħra.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo spjega kif l-użu tal-prodotti sekondarji tal-annimali ntilef fl-aħħar snin, b’mod partikolari meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea.
Dak iż-żmien, il-metodi ta’ proċessar li kienu jintużaw ma baqgħux aċċettabbli u ħadd ma daħal għall-investiment meħtieġ biex prodotti li kienu ilhom jintużaw għal mijiet ta’ snin jitmantnew u jiġu vvalorizzati.
Il-Minisitru Anton Refalo qal, “Din il-miżura hija importanti ħafna kemm mill-aspett li das-settur nagħmluh iktar sostenibbli, mill-aspett ekonomiku kif ukoll mill-aspett ambjentali.”