Erba’ awturi Maltin rebħu t-tmintax-il edizzjoni tal-Premju Nazzareno Vassallo, li din is-sena, irrikonoxxa ħidma straordinarja li saret mal-anzjani waqt il-pandemija.
Charles Casha, Joseph Debono, Rita Saliba u Trevor Zahra ġew innominati għall-mod kif bis-saħħa tal-letteratura Maltija, sfidaw l-ostakli tal-pandemija u b’mod volontarju, iddedikaw ħin konsiderevoli biex qraw siltiet minn kotba li kitbu huma stess lil diversi anzjani fi djar residenzjali li għal xhur sħaħ ma setgħux joħorġu jew jiltaqgħu mal-maħbubin tagħhom.
Il-kitba ta’ dawn l-erba’ awturi, imżewqa b’laqta umoristika, niżlet tajjeb ħafna mal-anzjani, li kienu fost l-aktar li batew fil-pandemija.
Fl-edizzjoni tal-Premju Nazzareno Vassallo ta’ din is-sena, kien hemm tlettax-il sottomissjoni.
F’ċerimonja fil-Palazz ta’ Sant Anton fejn tħabbru r-rebbieħa tal-Premju, il-President ta’ Malta, George Vella qal li l-ħidma li għamlu dawk kollha nominati, u oħrajn, mal-anzjani tagħna, tkompli tikkonvinċih biex jibqa’ jaħdem għall-għaqda nazzjonali.
Huwa faħħar lil dawk kollha li, b’mod partikolari tul il-pandemija, ħadmu b’tant dedikazzjoni u mħabba ma’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.