Wieħed mill-akbar portijiet fl-Amerika, dak ta’ Los Angeles f’Kalifornja, se jibda jaħdem 24 siegħa kuljum sabiex jipprova jlaħħaq mal-amont ta’ vapuri tal-merkanzija li jinsabu sorġuti ‘l barra mill-port jistennew biex jidħlu.
Il-port ta’ Kalifornja qed isegwi dak li għamel il-port f’Long Beach. Huwa mifhum li minn dawn iż-żewġ portijiet biss jgħaddu mal-40% tal-merkanzija fl-Amerika. Intqal ukoll li fl-aħħar xhur dawn il-portijiet affaċjaw problemi relatati mal-operat.
Huwa mifhum li l-provvista mhux qed tlaħħaq mad-domanda hekk kif il-pajjiżi madwar id-dinja rilaxxaw il-miżuri restrittivi tal-imxija.
L-għeluq tal-fabbriki u l-portijiet fiċ-Ċina żiedu mal-problema.
Din il-problema qed twassal ukoll għal żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-ġarr tal-merkanzija, li effetivament taffetwa l-prezz għall-konsumatur.