Aġġornament 1 – Jinqatlu ħames persuni filwaqt li tnejn oħra indarbu f’supermarket f’Kongsberg, madwar tmenin kilometru ‘l bogħod mill-kapitali Norveġiża Oslo.
Daniż ta’ 37 sena qatel in-nies billi spara fuqhom bil-qaws. Huwa jinsab arrestat.
Sa issa kollox jindika r-raġel wettaq dan l-attakk waħdu, madanakollu bħalissa għaddejjin l-investigazzjonijiet sabiex jistabilixxu jekk kienx att terroristiku.
Il-Prim Ministru Norveġiża Erna Solberg iddeskriviet dan l-attakk bħala wieħed orribbli. Hija qalet li tifhem li bħalissa n-nies tinsab imbeżża’ b’dak li ġara, madanakollu enfasizzat li l-pulizija tinsab fil-kontroll ta’ dan il-każ.
Aktar qabel – F’Kongsberg, madwar tmenin kilometru ‘l bogħod mill-kapitali Norveġiża Oslo, persuna qatlet in-nies billi sparat fuqhom bil-qaws.
L-istazzjon nazzjonali tan-Norveġja, NRK qed jirrapporta li l-persuna li sparat il-vleġeġ fuq in-nies issa tinsab f’idejn il-pulizija.
Qed jiġi rappurtat li hemm mal-ħames persuni mejta.
Il-Gvern Norveġiż appella lin-nies biex jibqgħu fi djarhom u qal li l-awtoritajiet qed jistabbilixxu fil-fatt x’ġara.
Sa issa kollox jindika li l-persuna arrestata wettqet dan l-attakk waħidha.
Hu mifhum li l-persuna bdiet tispara bil-qaws f’supermarket u ġiet arrestata nofs siegħa wara.
Is-Sindku tal-post fejn seħħ l-attakk, Kari Anne Bøkestad Andreassen qalet li din hi traġedja kbira.