Antonio Mangion ta’ 36 sena u li joqgħod Ħaż-Żabbar tressaq il-Qorti mixli b’attentat ta’ serqa bl-użu ta’ arma minn ħanut fil-Fgura.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif l-attentat ta’ holdup sar fil-ħanut James Bakes and Cakes il-Fgura. Raġel kien daħal b’arma tan-nar u mill-kameras tas-sigurtà deher li l-persuna rikeb f’karozza pparkjata żewġ kantunieri ‘l bogħod mill-ħanut.
Mill-investigazzjonijiet deher li kien l-akkużat li kien qed jagħmel użu mill-karozza u wara li ħareġ mandat t’arrest ġie arrestat mill-pulizija. Waqt l-investigazzjoni nstabet ukoll l-arma li allegatament intużat waqt l-inċident.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif spjegat li fadal xhieda pajżana li jridu jixhdu. Fost l-oħrajn hemm persuni qrib tiegħu li għadhom iridu jixhdu. Stqarret ukoll li għalkemm dan hu attentat ta’ serqa, din saret b’replika ta’ arma tan-nar. Il-prosekuzzjoni qalet li bħalissa l-akkużat għandu problemi finanzjarji u dawk tal-vizzju tad-droga u għalhekk hemm il-biża’ li l-akkużat jerġa’ jwettaq reat ieħor.
Id-difiża stqarret li l-akkużat huwa preżunt innoċenti. Qal li filwaqt li l-akkużat qiegħed f’sitwazzjoni fraġli, huwa waqaf f’nofs l-allegat reat hekk kif reġa’ bdielu.
Id-difiża qalet li l-arma użata kienet ġugarell iżda l-prosekuzzjoni esebiet din fil-Qorti u stqarret kif hija waħda realistika li mhux magħmula mill-plastic.
Il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Dan minħabba li għadhom iridu jixhdu l-allegat vittmi u xhieda oħra pajżana. Dan sabiex ma jkunx hemm possibilità ta’ intralċ tal-provi.