F’ħames snin taħt Gvern Laburista l-pensjonanti se jkunu żdiedu b’elf, tliet mija u tlettax-il ewro. Bl-aħħar waħda tkun dik fil-Budget għas-sena d-dieħla, fejn ħamsa u disgħin elf anzjan u anzjana se tiżdidilhom il-pensjoni b’ħames ewro fil-ġimgħa.
Qal dan il-Ministru għall-Familja u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta li rridu għal Uliedna, fejn hawnhekk spjega ż-żidiet li ħadu l-anzjani tagħna mill-Budgets ta’ bejn l-elfejn u tmintax u l-elfejn tnejn u għoxrin.
Il-Ministru spjega li f’disa’ snin ta’ Gvern Laburista, il-pensjonanti Maltin u Għawdxin ingħataw seba’ żidiet fil-pensjoni tagħhom.
Ħaġa li tikkuntrasta bil-kbira ma’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti li fi tnejn u għoxrin sena, l-anzjani ma ħadux ċenteżmu żieda fil-pensjoni tagħhom.
Intqal kif kull pensjonant se jkun żdied minn tal-inqas seba’ mija u sebgħa u tletin ewro f’żidiet diretti fil-pensjoni, meta jikkumpara s-sena 2022 mas-sena 2018. Min-naħa l-oħra meta wieħed iżid magħhom iż-żidiet tal-għoli tal-ħajja, iż-żieda totali tammonta għal elf, tliet mija u tlettax-il ewro.
Quddiem bosta pensjonanti f’lukanda ewlenija f’tas-Sliema, il-Ministru Michael Falzon tenna li dan huwa verament Gvern li jgħin lil kulħadd u li joħloq l-ġid. Ħaġa li wkoll twaqqa’ l-argument tal-Partit Nazzjonalista meta jgħid li dan huwa Budget li jaħli.
Qal, “Illum hija ġurnata fejn għal darb’oħra qed nuru kemm dan il-Gvern iżomm kellmtu. Ġurnata fejn qed ngħidu, u n-nies jemmnuha, illi magħna taf fejn int. Hija ġurnata oħra li wrejna kemm nemmnu bis-saħħa fil-pensjonanti. L-interess tagħna huwa l-pajjiż kollu, il-Budget li kellna t-Tnejn kien ikopri kollox imma żgur li kien ikopri b’ċertu saħħa lill-pensjonanti.”
Semma kif dan il-Budget se jara li elf u mitejn anzjan u anzjana oħra se jibdew jieħdu l-pensjoni għall-ewwel darba. Dan wara li ma kinux ħallsu l-bolla żmien ilu. Issa b’kollox jaqgħu taħt din il-kategorija hemm elfejn persuna, b’investiment ta’ tliet miljun ewro u mitejn elf ewro.
Il-fatt li l-anzjani ta’ ’l fuq minn tmenin sena wkoll se jieħdu mediċini b’xejn ukoll tfisser kemm dan il-Gvern għandu ruħ soċjali, tenna l-Ministru Falzon.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet issemiet ukoll il-miżura tal-ħlas ta’ carer għall-anzjani, li minnha se jgawdu bosta anzjani.
Il-ħlas għall-carer se jiżdied b’elf ewro u jitla’ għal sebat elef ewro fis-sena.