Il-Prosekuzzjoni indirizzat lill-ġurati fil-ġuri ta’ Bojan Cmelik, mixli bil-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti.
L-Avukat Kevin Valletta qal li Chetcuti ma mietx minħabba infezzjoni fid-demm.
L-Avukat Valletta qal li l-akkużat ta żewġ daqqiet ta’ sikkina f’temp ta’ sekonda lil Hugo Chetuti però skont id-difiża mhux biex joqtlu.
Kompla jgħid li anke jekk il-qtil ma kienx intenzjonat, xorta waħda aġġixxa bl-addoċċ u indifferenti jekk Chetcuti jmutx jew le.
Huwa kompla jgħid illi minkejja li ma jafx x’inhu l-motiv wara l-ħsieb, u qal li mhux fil-kompitu tiegħu bħala prosektur li jipprova dan, huwa tenna li l-ħsieb li joqtol lill-imprenditur kien wieħed primeditat.
Intant, għal dak li qalet id-difiża dwar ir-responsabilità tat-tobba f’dan il-każ, Valletta tenna li t-tobba li dewwew lil Hugo kellhom ġlieda kontra l-ħin.
Infatti qal illi l-akkużi huma kontra Cmelik u mhux kontra t-tobba li għamlu minn kollox biex isalvaw ħajjet l-imprenditur.
Aktar qabel, l-Avukat difensur Simon Micallef Stafrace saħaq li mhemmx dubju li l-klijent tiegħu ta d-daqqiet ta’ sikkina iżda sostna li Chetcuti miet b’infezzjoni.