Ġuvni ta’ 21 sena ngħata sentenza ta’ tliet snin probation minflok sentenza massima ta’ seba’ snin ħabs għall-akkużi li kien mixli bihom.
Dan wara li tressaq il-Qorti akkużat b’serq ta’ armi tal-airsoft u anke munizzjon.
Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-ġuvni tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ serq minn ħanut fil-Fgura.
Kien sid il-ħanut li kellu suspett fl-imputat, imbagħad ġie identifikat minn filmati elevati minn kameras tas-sigurtà.
L-imputat ġie arrestat ilbieraħ mir-residenza li jgħix fiha, fejn hemmhekk instabu wkoll l-oġġetti misruqa.
Id-difiża talbet lill-Qorti, ipperseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, biex l-akkużat ma jingħatax sentenza ta’ priġunerija imma gwida minn uffiċjal ta’ probation, hekk kif il-ġuvni m’għandux vizzji, iżda bżonn ta’ gwida biex ifittex xogħol u għajnuna relatata.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Sarah Zerafa u Christina Delia m’oġġezzjonatx għal din it-talba, iżda talbet biex jingħata l-massimu ta’ żmien taħt is-sorveljanza tal-uffiċjal tal-probation.
Il-Qorti ordnatlu jħallas €70 f’danni li għamel lis-sid tal-ħanut fi żmien sebat ijiem u ħlasijiet oħra relatati mal-inkjesta Maġisterjali.