F’kollegament telefoniku ma’ ONE News propju eżatt wara l-qari tad-diskors tal-Budget għall-2022, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu saħaq kif iħares lejn il-miżuri mħabbra mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana bħala pożittivi għal Malta u anke għal Għawdex.
Huwa tenna kif dan il-Budget minbarra li qed iħares lejn l-aspett u l-qasam soċjali, qed jagħti attenzjoni wkoll partikolari lill-kapital uman u anke lill-ħarsien tal-ambjent.
Joe Muscat, espert fil-qasam turistiku, innota kif dan il-Budget qed jaħseb ukoll fil-ħiliet tal-ħaddiema, ħaġa li fi kliemu mistennija anke żżid u ssaħħaħ l-impjiegi fis-settur turistiku.
Fost dawn hemm il-miżuri tal-In-work Benefit u anke għall-fatt li t-taxxa fuq il-part time niżlet minn 15% għal 10%.
Bla dubju, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għamel referenza wkoll għall-miżuri li Għawdex se jgawdi minnhom, fosthom it-tisħiħ fil-konnetività, il-bini tal-ħitan tas-sejjieħ u anke għall-fatt li l-First-Time Buyers f’din il-gżira se jkunu qed jieħdu għotja ogħla.