Il-budget għas-sena d-dieħla jirrifletti l-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern, li jwettaq ġustizzja soċjali filwaqt li joħloq opportunitajiet ġodda f’ambjent isbaħ.
Kien b’dan il-mod, li l-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-budget għas-sena elfejn u għoxrin f’konferenza tal-aħbarijiet fi Pjazza Kastilja mumenti wara li tħabbru l-miżuri fil-budget, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana.
Il-Prim Ministru fakkar li t-tmexxija t’amministrazzjoni ġdida bdiet f’ċirkostanzi politiċi diffiċli li wara biss ftit ġimgħat, ġiet affaċċjata b’pandemija.
“Imma għax ħdimna flimkien, illum nistgħu nitkellmu dwar Malta li rridu għal uliedna”, qal il-Prim Ministru, li saħaq kif is-suċċess ta’ pajjiżna mhux biss dak ekonomiku, imma jrid jitkejjel ukoll b’kemm imorru tajjeb dawk l-aktar fil-bżonn.
Hawnhekk, il-Prim Ministru qal li dan huwa l-aktar budget b’miżuri soċjali fl-istorja ta’ pajjiżna, li saħansitra qed iqassam aktar ġid minn dak tas-sena l-oħra.
Dr. Abela nnota kif wara sentejn ta’ pandemija, ċittadini f’pajjiżi oħra jinsabu mgħobbija b’piżijiet li qed ikollhom jerfgħu huma imma b’differenza, dan il-Gvern ħadem bil-galbu biex jipproteġi lil niesu minn dawn il-piżijiet u llum tressaq pjan mibni fuq is-sostenn u l-fiduċja li joħloq l-investiment.