Il-Gvern ser ikompli jestendi l-formolarju b’iżjed mediċini u trattamenti b’xejn.
Fost l-oħrajn madwar 4,500 anzjan jew anzjana li ser jilħqu l-età ta’ 80 sena ser igawdu minn mediċini b’xejn għall-ewwel darba, mingħajr il-ħtieġa li joqogħdu għat-test tal-mezzi.
Fil-Budget għas-sena d-dieħla tħabbar ukoll kif ser ikunu qed jiżdiedu mediċini tal-onkoloġija li jitrattaw diversi tipi ta’ kanċer.
Ser jiżdied ukoll trattament tal-osteoporożi li minnu ser ikunu qed igawdu madwar 20,000 pazjent.
Fil-lista ta’ mediċini ġodda hemm dawk għat-trattament ta’ mard taċ-ċirkulazzjoni li minnu ser igawdu madwar 7,000 pazjent filwaqt li ser jiżdiedu wkoll mediċini psikjatriċi li ser jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ madwar 5,000 pazjent u jnaqqsu t-tul ta’ żmien li persuna jkollha tqatta’ l-isptar fuq kura psikjatrika.
Ser jiżdiedu wkoll mediċini ġodda għat-trattament tal-fibromyalgia u trattament tal-anafilassi, li jingħata waqt reazzjoni allerġika severa li tista’ tkun periklu għall-ħajja.
Dan it-trattament ser ikun ipprovdut fi 325 skola biex jiġi amministrat lill-istudenti f’każijiet ta’ emerġenza.
Ser ikunu qed jiżdiedu wkoll mediċini ġodda għat-trattament ta’ mard rari, il-mediċini għall-pazjenti tal-IVF u t-trattamenti għall-pazjenti li jbatu minn mard infjammatorju.