Il-pensjonijiet ser ikunu qed jiżdiedu b’€5 fil-ġimgħa.
Din iż-żieda, li tinkludi fiha ż-żieda ta’ €1.75 tal-għoli tal-ħajja u €3.25 f’żieda addizjonali, ser jgawdu minnha 95,000 pensjonant tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u dawk li jirċievu l-pensjoni mhux kontributorja tal-età.
Fil-Budget għas-sena d-dieħla ġie mħabbar kif iż-żieda ser tkun qed tammonta għal €260 fis-sena għal kull pensjonant.
In-nefqa għal din iż-żieda oħra li se jagħti l-Gvern tammonta għal €24 miljun.
Ġie mħabbar ukoll kif pensjonanti li jirċievu l-pensjoni tar-romol u li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx l-€10,221 ser jirċievu bejn €10 u €15 f’żidiet fil-ġimgħa jew bejn €520 u €780 fis-sena fid-dħul tagħhom.
Dan hekk kif ser tkun aġġustata b’mod gradwali r-rata tal-pensjoni tar-romol biex tkun l-istess bħal tal-konjugi tagħhom meta jiġu nieqsa u sussegwentament jieħdu ż-żidiet kollha mogħtija mill-Gvern.
Se jsir tibdil biex iż-żidiet fil-pensjonijiet li qed jagħti l-Gvern ma jinqabdux fit-taxxa u issa l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet mhux intaxxat er jogħla għal €14,318.