F’diskors li għamel il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fid-Dar Ċentrali huwa qal li dak li jagħmel il-Gvern hu kollu gimmick: “Li kollox huwa gimmick.”
F’diskors isteriku li għamel, qal li qed jistenna budget kbir, iżda mbagħad kien negattiv fuq kollox.
Bernard Grech qal li l-Gvern qed jibgħat lin-nies jittalbu l-karità: “Lilek jibgħatek tittallab għall-karità.”
Ma qagħadx lura milli jikkritika l-Gvern għax ippubblika r-riżultati ta’ studju dwar trasport tal-massa.
Huwa stqarr: “Meta jaraw illi aħna qegħdin nimxu ‘l quddiem, qegħdin nikkomunikaw, qegħdin nuru illi għandna pjan, joħorġu karta minn ġol-but.”
Imbagħad infexx jattakka l-kumpanija rinomata internazzjonali, Arup: “Għaliex dak it-taparsi studju.”
Anke għall-fatt li l-pajjiż kien baqa’ għaddej ukoll b’investiment infrastrutturali kbir kellu kritika, Bernard Grech. Huwa tenna: “Imma kien hemm ukoll infiq illi sar għalxejn.”
Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li s-surveys mhux juru kollox: “Bħalna hawn eluf li qegħdin kwieti, hawn maġġoranza silenjuza illi ser tagħti risposta dakinhar ġewwa l-kaxxa tal-vot.”
Qabel tkellem il-Kap, tkellmet Kristy Debono, li qalet li dan se jkun l-aħħar budget ta’ Gvern Laburista filwaqt lin-nies li ġewh l-Istamperija, Bernard Grech qalhom hekk ukoll: “Nirringrazzjakom li minkejja l-maltemp illum ġejtu hawn ġewwa d-dar tagħna bi ħġarkom. Dak huwa n-Nazzjonalist.”