Rumena ta’ tnejn u tletin sena li tgħix f’San Ġiljan, inżammet taħt arrest wara li wieġbet mhux ħatja li serqet mobile, u kellha fil-pussess tagħha stun gun mingħajr liċenzja.
Fil-Qorti nstema’ li l-Pulizija kellha informazzjoni li l-imputata kellha affarjiet misruqa, u għalhekk marru d-dar tagħha b’mandat tat-tfittxija.
Id-Difiża kkontestat il-validità tal-arrest, hekk kif sostniet li l-mandat kien bil-Malti, u allura l-imputata ma setgħetx tifhmu. Il-Prosekuzzjoni sostniet li dan ġie spjegat fid-dettall, u ġie spjegat li għandha d-dritt li jkollha interpretu.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif hemm biża’ serja li din tikkommetti reat ieħor. Instema’ kif l-imputata ilha sentejn ma taħdem iżda minkejja dan, tgħix f’appartament b’kera ta’ seba’ mitt ewro fix-xahar u allegatament tonfoq ħamsin ewro kuljum fi droga.
Hija nżammet arrestata, u ħarġet mill-awla mbikkma.