L-Università ta’ Malta ħabbret riċerka b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Palermo fil-qasam tal-immunoterapija tal-kanċer għall-annimali domestiċi, b’mod partikolari l-klieb.
L-immunoterapija hija terapija alternattiva għall-kimoterapija u r-radjoterapija, li ma tingħatax lill-annimali f’ pajjiżna, meta ma jkunx possibbli li t-tumur jitneħħa b’ operazzjoni peress li l-kanċer ikun infirex.
Permezz ta’ dan l-istudju, li għadu mhuwiex konkluż u li s’issa kien ta’ suċċess fuq ġurdien biss, x-xjentisti huma ottimisti li b’ żewġ vaċċini li għandhom jingħataw fi żmien ġimgħa, l-klieb ikunu kkurati. Għalkemm ma ta l-ebda garanzija ta’ fejqan, il-Professur Pierre Schembri-Wismayer appella lis-sidien tal-klieb li għanhom kanċer inoperabbli biex isaqsu lill-veterinarji tagħhom għal dan il-vaċċin.
Peress li għadu fi stadju ta’ prova, il-vaċċin qed jingħata b’ xejn. Fid-dawl li l-alternattiva għal dawn il-klieb hija li jitraqqdu, jew jitħallew imutu waħedhom fi ftit żmien, il-Professur stqarr li din hija alternattiva ġdida, li jekk tingħata fiż-żmien adekwat, tista mhux biss issalva lill-kelb, iżda jikkontribwixxi wkoll għall-istudju xjentifiku.