Is-sorsi differenti li pajjiżna juża biex jiġġenera l-enerġija u jagħtiha fid-djar madwar il-pajjiż huma kruċjali quddiem il-kriżi tal-enerġija li qed tħasseb l-Ewropa u ġabet bosta familji fir-Renju Unit għarkupptejhom, biż-żieda qawwija fil-prezzijiet.
L-Inġinier tal-Enemalta Stefan Calamatta, li huwa wkoll id-Direttur Eżekuttiv tax-xiri tal-enerġija u proġetti, spjegalna l-fatturi differenti li wasslu għal din il-kriżi ġdida fil-qasam tal-enerġija.
Fosthom ħażna ta’ gass li ma laħqitx mad-domanda għolja li hemm.
Qal, “L-importazzjoni tal-gass mir-Russja ma kinitx għolja daqs kemm kien meħtieġ u l-importazzjoni u l-produzzjoni tal-LNG ma kinitx għolja biex ir-riservi jibqgħu suffiċjenti fil-fatt li ġara allura r-riservi naqsu u meta jiġri hekk meta għandek commofity fejn ir-reserves jonqsu it-tendenza hi li at one point il-prezz tar-riservi ħa jitla’.”
L-inġinier spjega wkoll kif fortunatament sa issa Malta mhix tħoss ħafna l-effetti ta’ din il-kriżi grazzi għal ftehim iffirmat magħruf bħala Hedging u li jiffissa prezz għax-xiri tal-enerġija fuq medda ta’ żmien.
Madankollu spjega kif il-prezz tal-enerġija mill-Interconnector għola sew.
Hawnhekk tenna li grazzi għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, l-Enemalta qed tara li tixtri mill-inqas mill-Interconnector u tiffoka iktar fuq il-ġenerezzjoni tal-enerġija permezz tal-gass mill-impjanti ta’ Delimara.
Spjega, “Delimara 3 u Delimara 4 il-prezz tal-gass, il-prezz tal-LNG huwa fiss allura hemmhekk ma kellniex effett minkejja li l-gass tajjeb wieħed jgħid li għola minn €20 per megawatt hour fis sena qabad jogħla fis-Sajf u din il-ġimgħa laħħaq €116 per megawatt hour.”
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli tenniet l-importanza tad-deċiżjoni għaqlija tal-Gvern li jiddiversifika s-sorsi tal-enerġija tiegħu.
Dan għall-kuntrarju ta’ dak li ried il-Partit Nazzjonalista li kritika kemm felaħ l-użu tal-gass fost sorsi oħra.
Qalet, “Li kieku morna għal dak li ried Gvern Nazzjonalista, nafu kemm kkritikaw anke l-proġett tal-gass. Li kien għalihom jiżmantellaw dak il-proġett, jitkellmu biss dwar l-interconnector. L-interconnector huwa tajjeb però li kieku mxejna fid-direzzjoni tagħhom illum kieku llum pajjiżna ma huwiex fis-sitwazzjoni li jista’ jżomm it-tariffi li aħna nagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi.”