It-toroq li kellhom jaraw ħafna ħbieb u qraba li jiltaqgħu flimkien biex jieħdu dik it-tazza ta’ inbid sħun ftit jiem qabel il-Milied, spiċċaw xeni ta’ traġedja u niket. Bil-kulur aħmar bħala simbolu tad-dmija ta’ dawk li tilfu ħajjithom flok mat-tiżjin tal-Milied.
Fl-aħħar żvilluppi ta’ dan il-każ, il- Pulizija Ġermaniża qed tfittex raġel ta’ nazzjonalità Tuneżina ssuspettat li huwa l-moħħ wara l-attakk fis-suq tal-Milied f’Berlin. Skont permess t’ażil temporanju li nstab fit-trakk, ir-raġel jismu Anis A u twieled fl-1992. Il-pulizija għaddejja b’investigazzjoni intensiva f’Westphalia, il-post fejn ħareġ il-permess. Rapporti qed jgħidu li s-suspettat seta ndarab wara argument max-xufier tat-trakk.
Gazzetti Ġermaniżi qed jirrappurtaw li s-suspettat huwa magħruf li juża ismijiet foloz u li applika għall-ażil f’April u ingħata permess ta’ residenza temporanja. Il-Pulizija qed toffri $105,000 għal persuna li twassal għall-arrest tas-suspettat.
Iżda peress li l-investigazzjoni qed tinżamm taħt sekretezza kbira, dawn ir-rapporti għadhom mhux ikkonfermati minn sorsi uffiċjali. Tul il-jum tal-Erbgħa kienu bosta l-persuni li żaru l-post fejn seħħ l-attakk u sellmu lill-vittmi.