L-impenn tal-Gvern u xhur ta’ diskussjonijiet waslu biex ikun iffirmat ftehim dwar l-impjiegi tal-persuni b’diżabbiltà.
Dan il-ftehim kien iffirmat bejn il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem. Il-partijiet involuti ftehmu dwar 13–il punt, fosthom dwar il-multi li jkunu imposti għal min ma jonorax l-obbligu ta’ 2% ta’ impjiegi għall-persuna b’diżabilità.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fisser dan il-pass bħala wieħed storiku. Għax permezz tiegħu l-poplu qed jgħix il-bidla b’mod fattwali. Dan għax dak li ilu fuq il-karta għal nofs seklu qed ikun implimentat fil-verità.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità Justyne Caruana qalet li b’dan il-ftehim, il-Gvern qed juri li huwa katalist biex persuni b’diżabilita’ jingħataw id-dritt għal ħajja indipendenti.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo qal li dan il-ftehim se jippermetti biex minn kultura tal-karità ngħaddu għal waħda ta’ drittijiet. U biex kultura ta’ dipendenza tinbidel għal waħda ta’ indipendenza.